Isma' Ftit
Żewgt uċuħ tal-munita

Niftakar kif jien u nikber sibt nies li ftit emmnu fija, probabbli għax meta kont għadni ġuvnott ma kontx qrib id-definizzjoni ta’ student eżemplari. Madanakollu, sibt ukoll nies li mill-imperfezzjoni kienu għarfu jaraw il-potenzjal, u ta’ dan nibqa’ grat. Nies li tawni l-opportunitajiet u tagħlim biex dak l-istess ġuvnott, minkejja li għandu 28 sena llum, ilu iktar minn 7 snin involut, mingħajr ħlas, fit-tmexxija ta’ organizzazzjoni fejn iż-żgħażagħ stess huma protagonisti. Organizzazzjoni li tilqa' fiha mal-250 tifel u tifla, l-iktar adolexxenti. Bħali hawn ħafna u naħseb li hu l-obbligu tagħna biex l-istess opportunitajiet ngħadduhom lill-ġenerazzjoni li jmiss ġaladarba ż-żgħażagħ tal-lum huma l-mexxejja t’għada.

Spiss nisimgħu każijiet li jinvolvu żgħażagħ u li jġibulek għajnejk wara widnejk. It-tentazzjoni li ngħidu li ż-żgħażagħ tal-lum kollha l-istess tkun kbira. Però ejja ma ninsewx li l-munita għandha żewġt uċuħ. Hemm żgħażagħ li huma responsabbli ferm. Jekk inħares lejn l-organizzazzjoni li involut fiha jien, hemm ħafna żgħażagħ li apparti t-taħriġ tagħhom, kull weekend, jattendu wkoll biex jieħdu ħsieb, b’mod volontarju, tfal li għandhom bejn 4 u 8 snin. Żgħażagħ li meta norganizzaw xi attività bi skop soċjali tarahom jikkonkorru bi ħġarhom. Żgħażagħ li sabu s-sostenn u l-paċenzja tal-ġenituri tagħhom għax, iva, il-ġenituri jilagħbu wkoll irwol importanti fl-iżvilupp ta’ wliedhom. Ejja nfasslu iktar minn dawn l-opportunitajiet u ninkoraġġixxu iktar tfal u żgħażagħ jiħduhom ħalli huma stess ikabbru l-kunfidenza tagħhom, jitilgħu indipendenti, kif ukoll ikattru r-rispett lejhom infushom u lejn ħaddieħor. L-appell tiegħi liż-żgħażagħ hu biex ma joqogħdux lura – il-volontarjat hu sabiħ u jagħtik ħafna sodisfazzjon. Hawn ħafna minn jemmen fikom!
minn Larkin Bonnici